
Meta ta' snin tfuliti
Niftakar fil-ġrajjiet,
Li bqajt inżomm ġo qalbi,
Fost l-egħżeż tifkiriet,
Tiġi malajr quddiemi
Id-dehra tal-jum kbir,
Tal-festa Ii kull sena
F'raħal twelidi ssir.
Dil-festa hi ta' Nikola,
Li fost il-Qaddisin,
Kien hekk għażiż minn dejjem
Għalina s-Siġġiwin.
Niftakar f dik il-festa,
It-toroq kollha sbieħ,
Imżejna bil-bandieri,
Iperpru ma' l-irjieh,
U bil-ħaxix tal-liedna,
Imdendla ma' l-armar,
Minn fuq pilandra għall-oħra,
Weqfin quddiem id-djar,
U fuqhom tazzi mlewna,
Bil-ftila mixgħulin,
Ixerrdu dawl ipetpet
Mat-toroq imxarrbin,
Bix-xita ta' Diċembru,
Kiesah bil-bard u sried,
Iswed bis-sħab Ii jdallam
Il-firxa tas-smewwiet.
Niftakar il-murtali,
Jiftħu bħal palm ta' xrar,
U t-tikkitrakki jfaqqgħu,
U l-logħob sabiħ tan-nar;
U d-daqq tal-banda u qniepen,
Imħallta t-tnejn flimkien,
Jimla bil-ferh ir-raħal,
Jidwi ma' kullimkien;
U n-nies ilkoll ferħana,
Bl-isbaħ ilbies libsin,
Quddiem il-Knisja l-Kbira,
Fil-misraħ miġburin,
U l-Knisja li minn barra
Tidher bħal katidral,
Bil-portku u bil-faċċata,
Bil-lejl ħuġġiega nar,
U li minn ġewwa ssaħħrek,
Bil-pitturi ħajjin,
Bil-kapitelli mwerrqa,
BI-arkati miftuħin,
U bid-damask u l-linef,
Bl-artali u bl-art ta' rham,
Kollox ileqq u jlellex
B'deheb, fided u ram.
Fost dan it-ġmiel ta' arti,
Li fiha hemm miġbur,
Dejjem laqtitni x-xbieha,
Wara l-artal maġġur.
Dix-xbieha hi ta' Nikola,
Inkwatru kbir sabih,
Fejn jidher ta' l-artista
Il-ġenju li hemm fih.
Juri kif darba ħeles
Minn taħt il-Misilmin
Tfajjel twajjeb Ii darba
F'idejhom waqa' Isir.
Għax meta fil-bżonn talbu,
Qabeż malajr għalih
Kif jaf Nikola jaqbeż
Għal kull min jafda fih.
Ridt hawn fil-qosor nigbor
Dil-waħda mill-ġrajjiet,
Li hi tal-kbir Nikola
Fost l-aqwa għeġbijiet;
Biex dejjem fina tikber
L-imħabba tagħna lejh,
W hu dejjem jibqa' fuqna
Iżomm ħarstu u jdejh.
Kien tfajjel, kien jismu Bażilju
Minn tagħna, fuq tiegħu, sabiħ,
U kbira l-imħabba li kellhom
Missieru u ommu għalih.
Kulħadd kien iħobbu għax dħuli,
U l-għaqal Ii kellu kien kbir,
Kien jidher f'imġibtu fi kliemu,
Qatt kelma lil ħadd ta' tmaqdir.
Minn ċkejken dik ommu rabbietu
Fil-biża' lejn Alla l-Mulej,
U nisslet ġo qalbu l-imħabba
Lejn Kristu tad-dinja Feddej.
U kellu mhabba oħra qaddisa,
Li f'sidru għeruqha rabbiet,
U theġġet mas-snin ġewwa qalbu
Bħal ġamra ta' nar tas-smewwiet.
Għax ħabb minn żgħoritu 'l Nikola,
Mill-Knisja minn dejjem miżmum,
Bħal wieħed qaddis li fis-sema
Fost l-ikbar u l-aqwa hu meqjum.
Nikola, Arċisqof ta' Mira
Kien anġlu tas-sema fuq l-art,
Ifewwah fis-safa ta' ruħu
Bil-fwieħa tal-ġilju u tal-ward.
U kellu qalb kbira li kienet
Taf tħobb lil kulħadd u taf tħenn.
Għall-foqra u għad-dgħajfa maħqura,
Kien tarġa, kien faraġ u kenn.
Is-sema kien għazlu biex fostna
Fil-qilla tar-rwiefen ikun,
Bħal Ragħaj illi jħares il-merħla,
Tal-Knisja mexxej u patrun.
Kien kbir fit-taqbida u qalbieni,
Ma' l-għadu kien sħiħ daqs il-blat,
Kien hemm tixgħel f'ħarstu u ġo demmu
Il-ħila tal-qalb ta' suldat.
Għalhekk għall-għedewwa kien ismu
Inissel it-biża' fil-qlub,
Għalhekk fl-istess ħin għal uliedu
Kien isem imbierek, maħbub.
Fir-raħal fejn twieled Bażilju,
Nikola kien ħafna għażiż.
Kulħadd kien iqimu u jħobbu,
Kien hu tal-parroċċa l-Qaddis.
U lilu kull sena f Diċembru,
Biex ġieħ u biex qima jagħtuh
Fil-festa li kienu jagħmlulu
Ilkoll kienu qalbhom juruh.
Dik kienet tassew festa kbira
Tassew festa għażiża u tal-qalb
Ta' hena tas-sema li jferraħ,
Ta' fidi, ta' mħabba u ta' talb.
Hemm ġewwa fil-knisja tar-raħal,
Imżejna bi ġmiel ta' tizjin,
Tifħir kienu jinsġu 'l Nikola,
Madwaru flimkien miġburin.
U magħhom kont tara 'l Bażilju
Ma' omm u missieru għarkobbtejh,
Jitgħaxxaq b'Nikola, dik ħarstu
Imsammra, mitlufa f għajnejh.
* * *
Kien darba fix-xitwa, fil-għodu,
Kien ġa daħal sewwa Jannar,
Bix-xita, bil-bard li jġib miegħu
Bir-riħ u bid-dlam u biċ-ċpar.
X'ħin f daqqa fir-raħal ta' Tiro,
Instama' mat-toroq agħjat
Li kiser is-skiet ta' fil-għodu,
Bħal ħsejjes tal-ħalel mal-blat.
Għax niżlu għal għarrieda bhal isqra
It-Torok minn wara l-għoljiet,
Bil-qilla, go qalbhom imqita,
Tal-ħamla qerrieda tal-wied.
U daħlu fid-djar u fir-rziezet,
U serqu kull ħaġa u ġarrew
Lin-nies illi qabdu f'idejhom,
Imbagħad għebu f'daqqa kif ġew.
Fost dawk illi nqabdu u nsterqu,
Kien magħhom Bażilju, miskin,
Imma ommu u missieru b'xortihom
It-tnejn baqgħu ħielsa u ħajjin.
It-telfa t'ibinhom laqtithom
Ġo qalbhom bhal xafra tan-nar,
U bkewh lil Bażilju bla sabar
Bla heda, bil-lejl u bin-nhar.
U talbu 'l Nikola bil-ħerqa,
Biex jidħol mis-sema għalih,
U jħarsu mill-qilla tal-Mislem
U qawwi jroddhulhom u sħiħ.
* * *
It-Torok frattant lil Bażilju
Fil-bogħ'd ġo belt kbira ħaduh
Fis-suq fejn jinbiegħu l-ilsiera,
Biex jiġi ma' shabu mibjugħ.
Fis-suq il-Bambin għoġbu jlaqqgħu,
Ma' wieħed magħruf bħala Emir,
Li ħabbu kif rah u li riedu,
B'kull prezz ikun tiegħu ilsir.
U ħabbu għax rah hekk fuq tiegħu,
Hekk twajjeb u mġissem sabiħ,
U riedu li jkun dejjem miegħu,
Biex jista' f'kull ħaġa jaqdih.
Bażilju imma f'qalbu miġruha
Bin-niket u tqattar bid-demm,
Għax bogħod minn missieru u minn ommu,
Li ħalla warajh f'baħar hemm.
Ma kienx jista' jsib daqsxejn faraġ,
U waħdu kien jibki fis-skiet,
U talab ħerqan biex fi ħdanhom
Darb'oħra jrodduh is-smewwiet.
U ftakar f'Nikola ta' Mira,
Li dejjem żamm bl-aqwa ħabib,
Li dejjem tul ħajtu kien ħarsu
U ħelsu f'kull għawġ u tiġrib.
U talbu 'l Nikola b'kull ħniena
Li biha taf titlob ir-ruħ,
Magħfusa mid-dwejjaq tal-ħajja
U mgħargħra ġo baħar ta' dmugħ.
Kien jaf, kien iħoss Ii Nikola
Mhux sejjer hekk waħdu jħallih;
Kien jaf, kien iħoss li f'dil-prova
Kien żgur li ser jidhol għalih.
* * *
Għaddiet qrib is-sena minn mindu
Bażilju ilsir ġie maqbud
U kien minn missieru u minn ommu,
Minn daru u minn ħbiebu mifrud.
Kien darba f'Diċembru, sew sewwa
Lejlet meta kienet issir
Il-festa ġo raħal twelidu
Lill-Isqof Nikola bil-kbir.
Bażilju miskin, bil-ħsieb tiegħu
U b'qalbu kien hemm dak in-nhar,
Ma' ħbiebu ma' ommu u missieru,
Fil-knisja tar-raħal, fid-dar.
U f'wiċċu kien jidher in-niket,
Bħal sħaba li ttaqqal il-qalb,
U beka u xerred dmugħ jaħraq,
Li ħareġ ta' ruħu mat-talb.
Sew sew dak in-nhar ġewwa daru
L-Emir kellu festa mal-ħbieb,
Li soltu kien jagħmel kull sena,
U jħejji minn qabel b'kull ħsieb.
U ntebaħ l-Emir minn fil-għodu
Bid-dmugħ li kien jixref f'għajnejn
Iċ-ċkejken Bażilju u jfarrġu
Ipprova b'kliem ħlejju ta' xejn.
U wkoll indunaw il-mistiedna,
U lkoll riedu jafu l-għaliex.
Jekk minnhom xi ħadd kien li naqsu
Jitkellem bla biża' u jgħid fiex.
Hu qallhom l-għaliex u fissrilhom
B'nifs mgħaġġel u b'leħen jirtogħ'd
Kif sew f'dawk il-jiem ta' Diċembru
Ġo rahal twelidu fil-bogħ'd,
Kien hemm festa kbira 'l Nikola,
Arċisqof ta' Mira, qaddis,
Ta' setgħa u mħabba ta' l-għageb,
Lill-art u lis-sema hekk għażiż.
U qallhom kif darba tul ħajtu
Kien qajjem xi tfal mill-imwiet,
Li bniedem bla qalb, bla kuxjenza
Kien qatel u qatta' biċċiet.

Darb'oħra l-ġieħ salva ta' tlieta,
Xebbiet, li missierhom marsus
Bid-dejn u bil-faqar kien wasal
Biex jaħseb li jbigħhom għall-flus.
U ħafna u ħafna oħra qalilhom,
Ġrajjiet li 'l Nikola juruh,
Fil-milja tas-setgħa Ii biha
Hekk riedu s-smewwiet iżejnuh.
U lkoll donnhom tbikkmu x'ħin semgħu
Tat-tfajjel Bażilju dal-kliem,
Hekk jaħraq bil-ħeġġa ta' mħabbtu,
Hekk ħlejju u jfewwaħ bis-sliem.
U qam minnufiħ kollu mqanqal
U qallu 'l Bażilju, l-Emir;
"Għaliex ma jiġix San Nikola
U jieħdok, 'kk tassew hu hekk kbir!"
U ġara kif spiċċa dan kliemu,
Hekk f daqqa fis-saqaf inħass,
Ċaqliq u tħaxwix ta' xi haġa,
Li ġagħ'lhom iħarsu 'l fuq ċass.
U dehret bhal sħaba u go nofsha
T'Arċisqof bil-lbies wieħed xiħ,
Bil-leħja, bil-baklu u bil-mitra,
B'wiċċ twajjeb, daħkani u sabiħ.
U raw dak il-ħin lil Bażilju,
Hemm fejnhom u bħalhom miblugħ,
Jinqata' mill-art tiela' fl-ajru
Mix-xwejjah minn xagħru merfugħ.
U baqgħu l-Emir u l-mistiedna
Imbikkma, ħarsithom `il fuq
Mistagħġba kif fdaqqa mix-xwejjaħ,
Ġie t-tfajjel minn fosthom misruq.
Hekk jidhru fl-inkwatru: bil-qiegħda
Mal-mejda mimlija b'kull ġid,
Għajnejhom 'il fuq lejn Bażilju,
F'idejh bil-buqar ta' l-inbid.
U f'daqqa Bażilju u x-xwejjaħ
Is-sħaba xorbithom lit-tnejn,
U għebu bla ħoss minn quddiemhom
U ntilfu ġos-saqaf fix-xejn.
* * *
Intant omm Bażilju u missieru
Mitlufa ġo baħar ta' mrar
Fih biss kienu qalbhom u ħsiebhom
F'ibinhom l-għażiż dak in-nhar.
U bkewh u t-tnejn talbu għax xtaqu
Għall-festa Ii magħhom ikun,
U l-firda ħassewha ġo qalbhom
Bħal xafra b'xifirha misnun.
Kien dalam. Fid-dar kien hemm magħhom
Biex faraġ ituhom xi ħbieb.
X'ħin fdaqqa fil-bitħa lkoll semgħu
Min jgħajjat u jħabbat fuq bieb.
Kulħadd qabdu biża' u nħasad
Quddiem dak l-agħjat u taħbit,
Għax ħasbu li t-Torok ġew fuqhom,
Biex jaħbtu għalihom mill-ġdid.
U ssakkru bl-istaneg minn ġewwa,
U d-dawl ta' madwarhom fis tfew,
U talbu flimkien lil Nikola,
U b'qalbhom ittaqtaq stennew.
Stennew biex jaraw x'kienu sewwa
Il-ħsejjes hemm barra fid-dlam,
U x'kien dak l-istorbju għal għarrieda
Li f'daqqa fil-bitħa kien qam.
U qagħdu jissemmgħu ħerqana
Iżommu nifishom maqtugħ,
B'tkexkixa ta' bard ma' ġisimhom,
Ħaddejhom imxarrba bid-dmugħ.
'Ma l-leħen li wasal f'widnejhom
Kien leħen li donnhom għarfuh,
Dehrilhom li dak kien il-leħen
Ta' wieħed li ilhom jafuh.
Fil-bidu kemm kemm setgħu jemmnu,
'Ma l-leħen kien qawwi, kien ċar,
Kien leħen Bażilju li t-Torok
Sena ilu serqulhom mid-dar.
U taru l-istaneg u nfetħu
It-twieqi msakkrin u l-bibien
U d-dwal reġgħu xegħlu u fil-bitħa,
Ilkoll ħarġu jiġru flimkien.
Min jista' l-ferħ tagħhom ifisser
U l-hena li fawwar mill-qlub,
X'ħin l-omm u l-missier raw quddiemhom
Lit-tfajjel ibinhom maħbub?
Hu qallhom x'kien ġara, kif f'daqqa
X'ħin jaqdi kien qiegħed l-Emir
U l-ħafna mistiedna, fil-mejda,
Għax dak kien għalihom jum kbir,
Mis-saqaf, deherlu ġo sħaba,
Nikola, li niżel sa ħdejh,
U qabdu minn xagħru, u refgħu
'Il fuq ħelu ħelu f'idejh.
U miegħu ħass ruħu jittajjar
Ġol-beraħ, bħal rixa ħafif,
U f'tebqa ta' għajn ġewwa l-bitħa
Sab ruħu mingħajr ma jaf kif.
Ħafifa bhal leħħa ta' berqa
Hekk xterdet mar-raħal l-aħbar,
U qanqlet il-qalb ta' kull wieħed
U nisslet il-ferħ ġo kull dar.
U m'ommu u missieru u Bażilju
Ilkoll marru l-knisja malajr,
Biex 'l Alla ħanin u 'l Nikola
Iroddu minn qalbhom kull ħajr.
U l-għada fir-raħal ta' Tiro
Kien jum ta' ferħ kbir għal kulħadd,
U baqgħet dil-festa tissemma
Għax bħalha ma saret żgur qatt.
U baqgħu minħabba dil-ġrajja
Sa llum lil Nikola jqimuh,
U għadhom f'kull rokna tad-dinja
Il-ġnus iberkuh u jħobbuh.
* * *
Dil-ġrajja sabiħa ried lilna
Ifakkar il-Preti l-pittur,
Fl-inkwatru tal-kor illi pinġa
Li jidher hemm wara l-maġġur.
Tgħallimna dil-ġrajja biex dejjem
F'Nikola nafdaw f'kull tiġrib,
Għax fih dejjem żguri li nsibu
Il-qalb ta' missier u ħabib.